|
Ċentru Fidi u Ġustizzja
Min aħna?
Iċ-Ċentru huwa ħidma tal-Ġiżwiti Maltin ispirat mill-importanza
li l-Knisja u l-Ġiżwiti jagħtu lill-fidi li twassal għall-impenn
sabiex titwettaq il-ġustizzja soċjali.
Il-kundizzjoni ewlenija biex issaltan l-imħabba u l-ġustizzja
fostna hija r-rispett assolut għad-dinjità tal-bniedem u
għad-drittijiet tiegħu. Kull persuna għandha dritt fundamentali
għall-ħajja u għal dawk il-ħwejjeġ li jgħinuha tgħix ħajja
diċenti - l-ikel u l-kenn, il-familja, il-kapaċità li tesprimi
l-idejat tagħha, il-kura, l-edukazzjoni u l-impjieg. Il-Knisja hi
f'pożizzjoni privileġġjata biex trawwem rispett ġenwin
għad-dinjità ta' kull persuna maħluqa xbieha ta' Alla. Permezz
ta' l-analiżi soċjali li ssir fis-seminars, fil-kitba, u
fl-attivitajiet oħra ta' riflessjoni taċ-ċentru, infittxu li
f'djalogu ma' oħrajn nipproponu policies li jwasslu għal aktar
ġustizzja soċjali.
L-għażla tal-fqar ukoll hija s-sinjal tal-wasla tas-Saltna ta'
Alla, u din l-għażla hi dimensjoni oħra ewlenija taċ-ċentru,
l-aktar permezz tal-komunità tal-Ġiżwiti u l-Istitut Paulo
Freire, it-tnejn li huma fiż-Żejtun.
Iċ-ċentru hu in-National Focal Point f'Malta taċ-ċentru
Ewropew għall-immonitorjar tar-Razziżmu u l-Ksenofobija
(European
Monitoring Centre on Racism and Xenophobia, EUMC).
L-Unjoni Ewropea hija dejjem aktar konxja tar-razziżmu u
l-ksenofobija li jistgħu jeżistu fi ħdanha u l-immonitorjar isir
l-aktar permezz ta' National Focal Points f'kull pajjiż,
li jkollhom ir-responsabbiltà jagħmlu riċerka fuq din il-problema
fil-pajjiż tagħhom. Iċ-ċentru Fidi u Ġustizzja intgħażel għal
Malta wara sejħa internazzjonali għal dan ix-xogħol, u din
is-sena ikkoordina studju fuq ir-razziżmu fl-oqsma ta'
l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-housing, u l-leġiżlazzjoni. Għal dan
il-għan inbena network ta' organizazzjonijiet u individwi li huma
midħla ta' dawn l-oqsma differenti: l-MUT fl-edukazzjoni, il-GWU
fil-qasam tax-xogħol, il-Malta Association for Human Rigħts fejn
tidħol il-leġiżlazzjoni, flimkien ma' espert fil-qasam
tal-housing. Iċ-ċentru huwa mgħejjun ukoll mill-kumpanija Ernst
and Young.
Iċ-ċentru Fidi u Ġustizzja huwa wkoll membru tan-Non-Governmental Development Organizations (NGDO)
Platform, u qed jipparteċipa fit-twaqqif f'Malta ta'
l-European Anti Poverty Network (EAPN).
Iċ-ċentru jitmexxa minn tim ċentrali mgħejjun minn grupp aktar
wiesgħa:
Fr Edgar Busuttil, S.J. (Direttur, Istitut
Paulo Freire), Ms Clarissa Sammut Scerri, Ms Josephine Vassallo.
|