Speech by Rector, Fr Jimmy Bartolo SJ

ŻJARA TAL-PRIM MINISTRU FIL-KULLEĠĠ SAN ALWIĠI – 17/04/2013

DISKORS TAR-RETTUR, FR. JIMMY BARTOLO SJ

Onorevoli Prim Ministru, Sinjura Muscat

Onorevoli Bartolo, 

Ministri, Segretarji Parlamentari u membri parlamentari li lkoll qattajtu xi snin tal-formazzjoni tagħkom f’dan il-Kulleġġ, 

F’isem l-istudenti u l-istaff tal-iskola primarja u tal-iskola sekondarja minn qalbi nagħtikom merħba. 

Prim Ministru, inħossuna onorati li inti għażilt il-Kulleġġ San Alwiġi, fejn qattajt seba’ snin sbieħ tal-formazzjoni tiegħek, biex ikun fost l-ewwel Kulleġġi li inti żżur uffiċċjalment.

Nixtieq nistieden lil Kyle Sciberras, student tal-ħames klassi u president tal-Kunsill tal-istudenti fl-iskola sekondarja biex jagħmel id-diskors ta’ merħba f’isem l-istudenti. 

Wara l-video Hands On:

Onorevoli Prim Ministru,

Għadna kif tajna ħarsa ħafifa lejn dak li jsir fil-Kulleġġ San Alwiġi. 

Kif stajt tinduna, hemm kontinwita bejn dak li kont tirċievi inti meta kont student fil-Kulleġġ u issa: 

Għadna ninsistu li l-istudenti tagħna jkunu “Men and women for others”, frażi li ħarġet mill-ġeneral tagħna Pedro Arrupe. Komplejna noffru kull tip ta’ attivita’ ko-kurrikulari u spiritwali li tgħin lill-istudenti tagħna jikbru mhux biss intellettwalment imma anke fil-karattru u fir-relazzjonijiet tagħhom. 

Żammejna b’għożża l-prefetti li joffru kura personali lill-istudenti tagħna kif ukoll dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dixxiplina li hija waħda mis-sisien importanti tal-formazzjoni li nagħtu f’dan il-Kulleġġ.  

Bqajna ninsistu li l-istudenti jagħtu l-aħjar tagħhom u dan jagħmluh għall-Ikbar Glorja ta’ Alla. AMDG. 

F’dawn l-aħħar snin saru bidliet radikali fil-Kulleġġ tagħna. 

Il-Kulleġġ sar wieħed inklussiv. Neħħejna l-eżami tal-common entrance u żidna skola primarja li fiha 540 student li lkoll jidħlu bil-polza. 

L-istudenti li hawn f’dan it-teatru huma kollha studenti li daħlu bil-polza. 

L-aħħar studenti li daħlu bil-common entrance kienu l-istudenti tal-ħames klassi li bħalissa qed jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC. 

Ħassejna li din id-deċiżjoni hija waħda li taqbel iktar mal-ġustizzja evanġelika u soċjali. 

Minkejja li għandna esperjenza twila ħafna fil-qasam tal-edukazzjoni xorta nħossu l-bżonn li nibqgħu nitgħallmu biex inkomplu noffru standards għoljin ta’ tagħlim lill-istudenti kollha tagħna.  

Dan jgħodd ukoll ma dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni. Fejn tidħol l-inklużjoni impjegajna support teachers bi kwalifiki tajbin ħafna u b’kompetenzi li jaqdu lil kull student, hi x’inhi l-abbilta’ tiegħu. Qed noħolqu sistemi fejn l-għalliema jaħdmu flimkien mas-support teachers biex inkomplu ntejbu l-kwalita’ tat-tagħlim lill-istudenti kollha u b’mod speċjali ma’ dawk bi bżonnijiet edukattiv partikulari.   

Qed naħdmu id f’id mal-Istitut Paulo Freire li aħna l-Ġiżwiti għandna fiż-Żejtun li għal dawn l-aħħar 13 sena ħadem flimkien ma’ entitajiet oħra biex jitjieb il-livel ta’ litteriżmu f’pajjiżna. 

Ser jerġa jiġi ppublikat “Iċ-Ċavetta”, programm ta’ litteriżmu fl-ilsien Malti li qed noffruh kemm fl-iskola primarja kif ukoll fl-iskola sekondarja u qed iħalli frott tajjeb ħafna.  Nixtiequ noffru dan il-programm lil skejjel oħra li jinteressahom jużawh mal-istudenti tagħhom.  

Fuq il-kampus tal-Kulleġġ għandna wkoll l-uffiċini tal-Jesuit Refugee Service, appostolat li ngħożżu daqs kemm ngħożżu l-Kulleġġ San Alwiġi. Dan is-servizz qed jgħin lil diversi skejjel, inkluż tagħna, biex nedukaw lill-istudenti tagħna jifhmu aħjar il-ħajja tal-imigranti fostna u jirrispettaw lil persuni ta’ razez u reliġjonijiet differenti minn tagħna biex jgħelbu l-marda tar-razziżmu f’pajjiżna. 

Qed intejbu l-facilitajiet sportivi u s-servizzi li noffru f’dan it-teatru u qed insaħħu t-tliet chaplaincies fl-iskejjel tagħna. Nixtiequ nsaħħu wkoll l-użu tat-teknoloġija fit-tagħlim u nkomplu nrawmu studenti li jirrispettaw iktar minn qatt qabel l-ambjent u temi marbuta mal-ekoloġija.

Fuq kollox nixtiequ li nibqgħu niffurmaw studenti li jkunu “men and women for others”, ċittadini ppreparati li jservu lill-oħrajn kemm f’pajjiżna u barra minn xtutna. 

Napprezzaw ħafna r-rispett tal-gvern tiegħek lill-identita’ u l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja u l-assigurazzjoni li ser inkomplu nirċievu r-riżorsi meħtieġa biex inkunu nistgħu noffru l-aħjar tagħlim lill-istudenti tagħna. 

Prim Ministru, nawguralek mill-qalb għall-missjoni tiegħek bħala kap tal-gvern. Nawguralek li l-valuri li rċevejt mingħand l-għeżież ġenituri tiegħek u minn dan il-Kulleġġ jgħinuk biex taqdi l-mandat li tak il-poplu tagħna u li dan tkompli tagħmlu b’ħafna ġenerożita u rispett lejn kulħadd. 

Nixtieq nirringrazzja lilek Patri Provinċjal, Paul Pace u lilkom Ġiżwiti li taħdmu f’dan il-Kulleġġ kif ukoll lilkom membri tal-Bord, amministraturi, prefetti, staff amministrattiv u tekniku u fuq kollox lilkom għalliema kollha tas-servizz ġeneruż u tal-appoġġ sħiħ li lkoll qed tagħtu lill-istudenti tagħna. Żgur li l-Kulleġġ ikun differenti ħafna mingħajr il-presenza u l-ħidma tagħkom.  

Xi studenti talbuni nistaqsik taqsam magħhom l-esperjenzi tiegħek f’dan il-Kulleġġ. Żgur li din hi x-xewqa ta’ ħafna minnhom. 

Grazzi mill-qalb tal-vizta tieghek fil-Kulleġġ San Alwiġi.  

Għoti tar-rigali: Collage ta’ ritratti ta’ Joseph Muscat matul is-seba’ snin li kien fil-Kulleġġ u l-Istorja tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi mill-ex-rettur Anton Azzopardi. 


Fis-sixth form

Onorevoli Prim Ministru, Sinjura Muscat, Ministri, Segretarji Parlamentari u membri tal-Parlament, 

F’isem l-istudenti u l-istaff tas-sixth form nixtieq nerġa nagħtikom merħba. 

Pajjiżna joffri diversi opportunitajiet biex l-istudenti jkompli l-formazzjomi tagħhom fil-fażi post-sekondarja. Il-Kulleġġ San Alwiġi qed jikkonferma li t-tip ta’ sixth form li nixtiequ noffru huwa wieħed li jipprepara lill-istudenti għall-MATSEC fil-livell Avvanzat. Qed nagħmlu studju kif is-sixth form ukoll ikun iktar inklusivv f’dan il-livell post-sekondarju. 

L-ideal tagħna huwa li niffurmaw studenti li jibqgħu dejjem miftuħa li jikbru, li jkunu intellettwalment kompetenti, persuni li jħobbu, li jagħtu valur lid-dimensjoni reliġjuża u nies li jimpenjaw ruħhom favur il-ġustizzja. 

Nistieden lil Karl Attard, president tal-Kunsill tal-istudenti tas-sixth form biex jagħtik merħba f’isem l-istudenti. 

Għoti ta’ rigali: Souvenir tal-Kulleġġ San Alwiġi. 


Jimmy Bartolo

Rettur

  

facebook youtube twitter flickr