Il-Maxtura Damet Vojta

IL-MAXTURA DAMET VOJTA

(Storja meħuda mill-'RM2000 LilĦbiebna', rivista maħruġa ta' kull xahar mill-Ġiżwiti) 

Żmien il-Milied kont dejjem nistennieh b’ħerqa kbira. Inqisu bħala żmien ta’ ferħ u għaqda. Inħossni iktar qrib tal-familja u l-ħbieb. Ma bqajtx naħsibha hekk pero’, wara esperjenza qarsa li għaddejt minnha fl-1999.

Konna ilna miżżewġin ħames snin u konna sikwit nitkellmu w nuru x-xewqa li nibdew familja.  Ir-raġel tiegħi kien iħobb il-Milied aktar minni u erħilu jixtri t-tiżjin tal-Milied u jqatta’ s-sigħat sħaħ iżejjen. Kont nieħu gost ngħinu, iżda iktar ma beda jgħaddi ż-żmien iktar bdejt inħoss għafsa ta’ qalb malli nniżżlu l-kaxxi minn fuq ir-raff.

Lir-raġel tiegħi ma kont nurih b’xejn, iżda kull Milied li kien jasal kont dejjem nittama li jien ukoll bħall-Madonna kien se jirnexxieli nsir omm. Kien jgħaddi Milied wara ieħor u d-delużjoni dejjem tikber.

Iktar ma jgħaddi ż-żmien u iktar ma nagħmel testijiet mediċi, iżjed bdejt naqta’ qalbi li qatt kien se jkolli tarbija. Sirt nieħu qatgħa meta jasal il-Milied u kieku mhux ghax biex inkompli m’Alex , kieku t-tiżjin żgur li kien jibqa fuq ir-raff. L-iktar li tweġġagħli qalbi kienet il-maxtura bil-bambin ġo fiha. Kont ngħaddi ħin twil inħares lejn il-bambin fil-maxtura u nistaqsi lill-Madonna għaliex ma nistax inkun omm bħalha jien ukoll.

Ma’ Alex jew ma’ tal-familja ma tantx kont niftaħ qalbi, iżda kont niftaħ qalbi mal-Madonna.  Meta nsib ruħi waħdi fil-kwiet jew qabel ma norqod, kont insib serħan fit-talb. Kelli statwa żgħira  tal-Madonna ta’ Fatima u magħha kont niżvoga d-dwejjaq tiegħi u nitlobha bil-ħrara tgħinni nsir omm.

Kien Marzu tal-1999 u fl-uffiċċju bdew jgħidu li min jippjana tarbija f’dan iż-żmien seta’ jkollu l-famuż ‘Millenium Baby’. Ħassejt qalbi tinqasam u ma tkellimt xejn, għax jien ukoll kont noħlom din il-ħolma hekk sabiħa. Ftit jiem wara dan l-episodju mort s’għand it-tabib għax ħsibt li kelli l-influwenza. B’ferħ li ma jitwemminx skoprejt li kont se nsir omm.  It-tarbija kellha titwieled bejn it-22 ta’ Diċembru u  l-bidu tal-Millenju l-ġdid.

Kont qed inħossni ngħix f’ħolma u kull ħaġa li nagħmel bdiet tidher iżjed sabiħa. It-tabib kien fetaħli għajnejja u qalli li bil-problemi li kelli setgħa ma jkollix tqala faċli, iżda jien kont ferħana wisq biex ninkwieta ruħi.

Dan il-ferħ beda jittappan wara seba’ ġimgħat. Bdejt inħoss uġiegħ f’darhi u t-tabib iddeċieda li jdaħħalni l-isptar għax kien hemm ċans li nitlef it-tarbija. Wara ġimgħa f’qiegħ ta’ sodda jien fil-fatt tlift it-tarbija.

Kienet spiċċat il-ħolma tal-Millenju tiegħi.  Anke jekk kien fadal ftit xhur għall-Milied, kulma kien jiġini f’rasi kien li l-maxtura tiegħi kienet se terġa’ tibqa vojta.  Issa żmien il-Milied flok ferħ beda jnissel fija vojt kbir, u kien ikolli mitt sena sakemm jgħaddi kollox.  Għalkemm bqajt m’għidt xejn lil Alex, issa flok inżejjen kien ikolli mitt sena sakemm inżarma kollox u naħbi l-maxtura fuq ir-raff.

Sadanittant bqajt nitkellem mal-Madonna u din reġgħet ħasbet fija, għax ftit wara l-Millenju l-ġdid, jien erġajt ħriġt tqila. Din id-darba għalkemm ferħana se ntir, kont ukoll beżgħana ħafna.  Beda għaddej iż-żmien u bdejt inqawwi qalbi.  Wara tnejn u għoxrin ġimgħa tqala ħassejt uġiegħ f’ żaqqi u kelli nidħol l-isptar.  Sa l-għada kont wellidt tifel il-ġmiel tiegħu, iżda kien għadu żgħir wisq biex jgħix.  Għal darb’oħra l-Madonna ħaditu magħha u poġġietu fil-maxtura tagħha.

Il-maxtura vojta issa kienet saret ossessjoni għalija.  Din id-darba ftaħt qalbi m’Alex u għidtlu li ma ridtx tiżjin iżjed fil-Milied.  Għalkemm ma qabilx miegħi, iddeċieda li jikkuntentani.  Ftit qabel il- Milied attendejna għal quddiesa organizzata minn SANDS.  Dan huwa grupp ta’ support għal ġenituri bħalna li kienu tilfu t-trabi tagħhom.  Talbuni nitla’ naqra vers u propju f’dan il-vers kont qed nitlob l’Alla biex jgħinni ngħix il-Milied b’serenita’.  Ħassejtu jaqbiżli d-dmugħ għax b’dan il-vers donnu l-Mulej ried jgħidli xi ħaġa.  Lura d-dar għidt lil Alex iniżżilli l-maxtura bil-bambin minn fuq ir-raff u poġġejtu fis-salott fil-post tas-soltu tiegħu.

Din l-esperjenza tat-twelid tat-tarbija tiegħi ħassejt li kienet bidlitni ħafna.  Għad li issa x-xewqa li jkolli tarbija kienet saret kważi ossessjoni għalija, pero’ kont inħossni differenti.  Meta kont nara xi omm għaddejja fit-triq bit-tarbija tagħha, kont niftakar f’Jake tiegħi li l-bambin ħadli għalih. Kont naqqast fit-talb tiegħi lejn il-Madonna mhux għax ma bqajtx inħobbha, iżda għax issa kelli lil Jake.  Miegħu kont niftaħ qalbi u nistħajlu qed jismagħni.  Kont anke nimmaġinah qed jitbissimli.

Għadda ftit taż-żmien ieħor u issa konna lħaqna l-eta’ mitluba biex inkun nistgħu nibdew il-proċeduri għall-adozzjoni. Ma tantx kont konvinta minn dan il-pass u bħas-soltu ftaħt qalbi ma’ Jake u mal-Madonna.  Dawn wiġbuni mill-ewwel, għax ftit wara li mlejna l-applikazzjoni jien erġajt ħriġt tqila.

Jekk id-drabi l-oħra kont imbeżżgħa, nista’ ngħid li din id-darba kont imwerwra. Qattajt l-ewwel erba’ xhur fis-sodda d-dar u l-bqija tat-tqala qattajtha l-isptar.  Ma kienx żmien faċli għalija għal diversi raġunijiet.  Ħajti nbidlet totalment għax kelli nieqaf mix-xogħol u noqgħod id-dar ma nagħmel xejn.  Kont nimmissja ħafna lil sħabi tax-xoghol.  Id-dar kont noqgħod tista’ tgħid il-ħin kollu fis-sodda u kont niddependi għal dak kollu li jkolli bżonn mill-familja tiegħi.  L-affarijiet komplew jikkomplikaw ruħhom għax spiċċajt kelli nqatta’ żmien twil l-isptar. Issa barra l-firda minn żewġi u l-familjari tiegħi, kelli naddatta ruħi għall-ambjent mhux daqshekk komdu tal-isptar.  Kont ngħaddi minn emozzjonijiet differenti.  Min jaf kemm bkejt ma’ xi omm li tkun għadha kemm tilfet it-tarbija tagħha.  Ħafna drabi iżda fraħt ukoll ma’ dawk l-ommijiet li jkunu welldu tarbija qawwija u sħiħa.  Kemm kont nitlob li jasal iż-żmien li jien ukoll ikolli din ix-xorti.

Matul dan iż-żmien li qattajt l-isptar, iltqajt ma’ pazjenta oħra.  Din bħali kienet ser tqatta żmien twil l-isptar sakemm twelled it-tarbija tagħha.  Sirna ħbieb kbar għax konna nifhmu ‘l xulxin perfettament.  Magħha stajt niftaħ qalbi u nnaqqas ftit mill-anzjeta li kont għaddejja minnha.  Min jaf kemm bkejna flimkien iżda xi drabi rnexxielha ddaħħakni xi daħka tajba wkoll.

Wara tmien xhur taqtigħ ta’ qalb wellidt tifla li f’għajnejja ma kienx hawn isbaħ minnha.  Lanqas ridt nemmen li jien kont sirt omm.  M’hemmx għalfejn ngħidilkom, l-iktar ritratt favorit li għandi tagħha huwa dak li Alex ħadilha fil-maxtura.  Issa għaddew għaxar snin u kull meta jfettillha tiġi titkejjel miegħi għax saret twila daqsi, niftakar fil-Milied u fil-maxtura vojta.  Ikolli nammetti miegħi nnifsi li kont belha meta kont naħseb li Alla kien insieni.

Illum nemmen li Alla għandu pjan għal kull wieħed u waħda minna u kull ma rridu nagħmlu hu li nerħu ruħna f’idejh.

Qarrejja ferħana

Visit the 'RM2000 LilĦbiebna' website

facebook youtube twitter flickr