DAN SER JILLOWDJA JEW?

Image from sxc.hu

DAN SER JILLOWDJA JEW?

il-pornografija fuq l-internet

F'dil-kitba inħarsu aktar mill-qrib lejn xi jkun għaddej mill-moħħ u l-qalb ta' min ifittex sodisfazzjoni fil-pornografija, speċjalment dik li llum wieħed isib faċilment fuq l-internet. Il-kittieb jiddeskrivi s-sentimenti u l-ħafna konflitti li jkun hemm f'raġel miżżewweġ li meta jħares lejn is-sess u l-mara bħala oġġett ta' pjaċir.

"Ok qalbi, iddeverti... Ċaw!". Fl-aħħar!... Waħdi! Nħaffef il-pass lejn il-laptop u nittajpja l-password bil-ħatfa. Lanqas nilħaq nittajpja tliet ittri li s-sit elettroniku ma jitlax fl-address bar. Enter! L-eċitament diġà qed inħossu tiela' għal rasi waqt li nirranġa ruħi komdu komdu fis-sodda. Popcorn jonqosni, nfaqqa' bejni u bejn ruħi. Nitbissem... wara kollox ħaqqni naqra żvog (jew kif jgħidu llum ‘siegħa buzz'); il-ħin kollu għaddej qisni terramaxka - mid-dar għax-xogħol u mix-xogħol għad-dar, kuljum l-istess rutina! Qalb dil-monotonija, trid toħloq ftit tal-motivazzjoni u tal-pjaċir biex titkaxkar minn jum għall-ieħor. Imma kollox ma' kollox ma ngergirx - il-paga isservi eżatt u Claire għadha ma ndunat b'xejn. Kemm hi fidila jaħasra!

 Dan ser jillowdja jew? Kemm se jdum! Sadanittant ntella' u nniżżel x'ħa nara. Ilbieraħ ntfajt nara video li ntlift fuqu. Aktar milli passjoni kien juri l-perversità tal-isfruttament ta' bniedem minn ieħor meta jintilef fi pjaċir sfrenat u bla rażan. Imma f'qalbi bdejt ngħid, Ja furtunat li hu, mhux li kien kont floku! Bilkemm ma xtaqtx nidħol fl-iscreen u nsir parti mix-xena bħal fil-films tal-fantaxjenza.

Il-paġna telgħet. Ma nitlifx minuta għax għalkemm b'aptiti - min hu sidi wara kollox?! - Claire jaf ifettlilha tiddejjaq mal-ħbieb, tiġi lura qabel u ttellifli l-gost kollu. Imbagħad ngħaxxquha: nispiċċa b'nervi ta' bagħal u kulma jkun jonqosni huma s-soltu mistoqsijiet banali u irritanti tagħha - "X'għandek qalbi? Xi ġralek ħanini?" U minn ġewwa, demmi jbaqbaq qisu vulkan ser jiżbroffa u nibgħatha tixxejjer għand boxxla xjaten.

Imma xi trid tagħmel?... La krejtha, ikolli noqgħod għaliha. Dik hi l-ħajja miżżewġa: infern! Għalhekk ħbieb, tkunux boloh bħali, tiżżewġux!... Tagħmlux l-istess żball. Żball darba tagħmlu u jibqa' jaħfnek u jippersegwitak ħajtek kollha. Sħabi tax-xogħol ħadmuha aħjar - hemm xi  nofs tużżana poġġuti ma' dik u mal-oħra. Jidhru kuntenti milli nisma' u milli jgħiduli imma nsomma, illum hawn kemm trid ipokriti. Ara naqra jien ukoll kif intlift fi ħsibijieti... all'azione, ejja suq!

Illum twebbilt għal video bully, spettaklu li jġennek bl-eċitament u l-pjaċir.  Inħossni qisni nistrieħ u nirrilassa ruħi. Sodisfazzjon qawwi tal-mument. Tiġini dik in-nagħsa ħelwa u nħossni rrid iktar u iktar u iktar... Imma minn ġewwa solitudni u vojt kbir.

Fid-daqqa u l-ħin nisma' xi ħsejjes, donnu xi ħadd qed jipprova jsib it-toqba tas-serratura fid-dlam. Claire! Diġà waslet?! Kif jista' jkun? Ġiet kmieni? Le... istra kif tar il-ħin!

Malajr malajr nitfi l-laptop u biex inpoġġih fuq il-komodina għoddni nwaqqgħu. Nidħol taħt il-friex u naghmel tabirruħi li rieqed. Inħoss lil Claire dieħla nkiss nkiss, attenta biex ma tagħmilx ħsejjes u sekonda wara n-nifs sħun tagħha ma' widnejja. Tfaqqagħli bewsa żgħira u tidħol torqod.

Jien, bid-difetti kollha tiegħi, inħobbha lil Claire imma kultant ma nafx x'fatta hi, qisha soru kemm tiskrupla, madoff. Imma xi kultant nieqaf naħseb: jien lil Claire inħobb jew lil ġisimha? 

Il-pornografija hija vizzju li jagħlqek fik innifsek u jnaqqaslek mil-libertà u l-integrità tiegħek. Biex tibda tgħix is-sesswalità tiegħek b'mod aħjar, importanti li tagħraf l-importanza kbira tat-talb ħalli ma tiġġilidx il-problema waħdek. Tajjeb ukoll tmur għall-għeruq tal-ħaġa għax ħafna drabi l-pornografija hija mod kif tirribella kontra esperjenza qarsa ta' mħabba, teħles minn stress u ansjetà żejda, taħrab mis-solitudni jew inkella tgħolli l-istima baxxa tiegħek innifsek. Imma fir-realtà din hi soluzzjoni falza li tkompli tkabbar u mhux tegħleb il-problemi u t-tensjoni f'min jaqa' għaliha.

 Il-pornografija hija vizzju u ‘addiction' kerha bħal u daqs vizzji oħra bħal dawk tad-droga, x-xorb, il-logħob. Meta jaħkmek il-vizzju diffiċli wisq toħroġ minnu u żgur li mhux possibbli toħroġ minnu waħdek mingħajr l-għajnuna ta' xi ħadd li kapaċi jgħinek. M'għandekx għalfejn tħossok loser jekk din il-problema taqsamha ma' xi ħadd kompetenti - qassis, psikologu - u tħallih jiggwidak. Kuraġġ, qatt mhu tard wisq! 

Isaac J. Gatt

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

 

 

 

facebook youtube twitter flickr